Iż-Żmien Li Naraw Fkieren Ibejtu F’Malta Wasal – Skopri Dak Li Għandek Toqgħod Attent Għalih F’Dawn Iż-Żminijiet!

Hekk kif joqrob l-istaġun fejn jaf nilmħu xi bejta fuq il-bajja, jew inkella xi fekruna tiela’ fuq il-bajja sabiex tbid, qed issir sejħa importanti,l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed tappella lill-pubbliku biex ikunu aktar konxji u responsabbli meta jżuru l-bajjiet matul dan il-perjodu sensittiv.

Dan iż-żmien tas-sena huwa kruċjali għal dawn l-ispeċi protetti, hekk kif il-fkieren jitilgħu fuq ix-xatt biex ibidu l-bajd tagħhom.  F’ċerti każijiet, il-pubbliku jista’ jiltaqa’ ma’ fekruna li tkun qed tipprova tbid, jew inkella jinnota marki distintivi fir-ramel li jindikaw li fekruna  tkun tegħlet fuq il-bajja.



F’dawn iż-żewġ każijiet, huwa essenzjali li s-sitwazzjoni tiġi rrappurtata  minnufih lill-ERA fuq 2292 3500 servizz disponibbli 24 siegħa kuljum, jew lit-tim tal-Wildlife Rescue ta’ Nature Trust Malta fuq 9999 9505.



Madankollu, jekk persuna tiltaqa’ direttament ma’ fekruna fuq il-bajja waqt li tkun qed tbid, hemm numru ta’ prekawzjonijiet importanti li għandhom jittieħdu. L-ewwel u qabel kollox, wieħed għandu jżomm distanza adegwata u jevita kull tip ta’ disturbanza. Dan jinkludi li ma jintużawx flashlights jew flash tal-kamera, u li jinżamm livell baxx ta’ storbju.



Dawl dirett jew moviment qrib il-fekruna jista’ jikkawżalha stress u jfixkel il-proċess kollu, li jista’ jwassal biex ma tlestix il-bejta tagħha. Għalhekk, huwa kruċjali li l-pubbliku jħalli lill-fkieren iwettqu dan il-proċess naturali mingħajr interferenza.

L-ERA tfakkar li kull persuna tista’ tagħti sehem importanti fil-ħarsien tal-ħajja selvaġġa f’Malta. B’aktar attenzjoni u rispett, nistgħu ngħinu biex il-fkieren ikomplu jsibu l-bajjiet Maltin bħala post sigur fejn ibidu l-bajd tagħhom.

Kull azzjoni responsabbli tagħmel differenza għall-fkieren, għall-ambjent, u għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI