Wara 34 Sena Fil-Parlament – Michael Farrugia Jħabbar Li Mhux Se Jerġa’ Jikkontesta L-Elezzjoni

It-tabib u eks Ministru Michael Farrugia ħabbar li mhux se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss, u b’hekk jagħlaq kapitlu ta’ aktar minn tliet deċennji fil-politika.

F’messaġġ twil ippubblikat fuq il-midja soċjali, Farrugia rrakkonta kif il-vjaġġ politiku tiegħu beda ta’ 19-il sena meta ngħaqad maż-żgħażagħ Laburisti, filwaqt li aktar tard serva wkoll f’kumitat lokali. Huwa fakkar ukoll fil-ħidma tiegħu bħala uffiċjal fil-Malta Medical Students Association matul iż-żmien tiegħu bħala student tal-mediċina.

Michael Farrugia ġie elett Membru Parlamentari għall-ewwel darba 34 sena ilu u qal li nofs ħajtu qattagħha bħala deputat parlamentari. Huwa rrimarka wkoll li kien l-uniku ministru mill-gvern tal-1996 li baqa’ membru parlamentari sal-leġiżlatura li għadha kif intemmet.



Fost il-karigi ewlenin tiegħu kien hemm dawk ta’ Ministru għas-Saħħa u Kura tal-Anzjani, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, Ministru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma, kif ukoll Ministru għall-Anzjani. Serva wkoll bħala Aġent Speaker, Viċi President tal-Kumitati u President tal-Kumitat għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi.



Farrugia sostna li matul is-snin kien involut f’diversi riformi u inizjattivi li, skontu, għadhom sal-lum jibbenefikaw minnhom il-familji Maltin u Għawdxin.

Dwar id-deċiżjoni tiegħu li ma jerġax jikkontesta l-elezzjoni, huwa qal li dejjem kien jaf li kellu jasal mument fejn ikun hu stess li jiddeċiedi meta jieqaf mill-politika elettorali. Qal li qed jagħmel dan “bi trankwillità” fi żmien fejn għadu jgawdi l-fiduċja tal-elettorat.

Fi tmiem il-messaġġ tiegħu, Michael Farrugia rringrazzja lill-kostitwenti u lill-votanti tiegħu tal-fiduċja li tawh matul is-snin.



Ritratti:

Facebook / Michael Farrugia

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI