Żviluppaturi Maltin Joħolqu Sit Li Jispjega Kif Jaħdem Il-Vot F’Malta Bl-Għajnuna Tal-AI

Bi tħejjija għall-Elezzjoni Ġenerali aktar tard dan ix-xahar, tnieda sit ġdid bl-isem ta’ VOT.mt li qed jgħin lill-Maltin jifhmu aħjar kif jaħdem is-sistema elettorali ta’ Malta.



Is-sit jippermetti lill-utenti jimlew vot u mbagħad jurihom kif il-vot tagħhom jiġi pproċessat pass pass, billi juża data reali mill-aħħar erba’ elezzjonijiet ġenerali pprovduta mill-Kummissjoni Elettorali.



Wieħed mill-imħuħ wara s-sit, Alex Portelli, spjega mas-sit lokali WhosWho.mt li ħafna nies għadhom ma jifhmux kemm is-sistema Maltija hija rappreżentattiva u kemm il-vot individwali għandu saħħa.

Is-sistema Maltija tippermetti lill-votanti jagħżlu kandidati minn partiti differenti billi jivvutaw skont il-preferenza tagħhom, iżda ħafna għadhom jaħsbu b’mod żbaljat li “cross-voting” jista’ jħassar il-vot tagħhom.

Andrea Delicata, li ħadem ukoll fuq il-proġett, qal li minkejja li dejjem ivvota, qatt ma kien fehem sew kif taħdem is-sistema sakemm beda jaħdem fuq VOT.mt.

Mat-tim ingħaqad ukoll David Grech, li għandu interess qawwi fis-sistema elettorali Maltija u li spjega kif is-sistema STV tagħti aktar poter lill-votant meta mqabbla ma’ sistemi oħra barranin.

Interessanti wkoll kif il-ħolqien tas-sit kien possibbli grazzi għall-użu tal-AI. Portelli qal li ftit snin ilu proġett bħal dan kien diffiċli ħafna biex jitlesta, iżda l-għodod tal-intelliġenza artifiċjali għenuh iwassal l-idea għal realtà.

Il-kreaturi ta’ VOT.mt qed iħeġġu lill-pubbliku jesplora s-sit sabiex jifhem aħjar kif il-vot tagħhom jista’ jagħmel differenza fl-elezzjoni li ġejja.



Ritratti:

TVM

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI