Id-Djoċesi ta’ Għawdex ingħaqdet mal-Knisja Universali biex tfakkar l-ewwel anniversarju mill-ħatra ta’ Papa Ljun XIV bħala Suċċessur ta’ San Pietru. F’messaġġ li xxandar fuq il-midja soċjali, id-Djoċesi fissret dan il-jum bħala wieħed ta’ ferħ u ringrazzjament lil Alla għad-“don tal-Qdusija Tiegħu Ljun XIV”.
Id-Djoċesi fakkret ukoll fil-kliem ta’ Santa Katarina ta’ Siena li kienet issejjaħ lill-Papa “Kristu ħelu fuq din l-art”, filwaqt li enfasizzat id-dmir tal-Kattoliċi li jagħtu widen għall-kelma tal-Papa, speċjalment għas-sejħat tiegħu favur il-paċi u s-solidarjetà bejn il-bnedmin.
Il-messaġġ kompla billi fakkar li l-elezzjoni ta’ Papa Ljun XIV seħħet proprju fit-Tifkira tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Pompej, ċirkostanza deskritta bħala providenzjali, u għalhekk afdawh fl-interċessjoni tal-Omm tas-Sema kif ukoll tal-missier spiritwali tiegħu Santu Wistin.
Diversi persuni ngħaqdu mal-messaġġ tad-Djoċesi biex jawguraw lill-Papa aktar snin ta’ tmexxija spiritwali u talb għall-missjoni tiegħu fil-Knisja Kattolika.
Facebook / Pope Leo XIV