Stephen Schembri qasam messaġġ emozzjonanti u mimli nostalġija fuq il-midja soċjali hekk kif irrifletta fuq il-vjaġġ tiegħu fid-dinja tal-fjuri u fuq memorja għażiża marbuta ma’ ommu.
Fil-post tiegħu, Stephen irrakkonta kif 10 snin ilu beda mill-bitħa tan-nanniet tiegħu mdawwar bl-ortensji u l-fjuri, filwaqt li tliet snin ilu fetaħ il-ħanut tiegħu stess. Huwa stqarr kemm iż-żmien jgħaddi malajr, filwaqt li qasam ritratt tal-bidu tal-ħanut meta dan kien għadu mhux lest, iżda diġà kien spazju speċjali għalih u għall-kollegi tiegħu.
Stephen ftakar ukoll f’mument emozzjonanti ma’ ommu, meta kienet marret tara l-ħanut u qaltlu, “Prosit ibni, xi ġmiel għamilt.” Huwa qalilha li dak kien għadu biss il-bidu u li kien għad fadallu ħafna x’jagħmel biex il-post ikun komplut.
B’dispjaċir stqarr li ommu ma laħqitx rat il-ħanut lest kompletament, xi ħaġa li għadha tweġġgħu sal-lum. Madankollu, qal li jħossha miegħu kull ħin, kull mument u kull jum.
Fi tmiem il-messaġġ tiegħu, Stephen enfasizza kemm Jum l-Omm jibqa’ wieħed speċjali ħafna għalih, filwaqt li bagħat tislima sentimentali lil ommu, “Bezzjoni MA.”
Facebook / Stephen Schembri