Amélie, musical ibbażat fi Franza li sab postu perfettament f’pajjiżna. Jekk tħobb il-musicals, it-teatru u l-mużika, kif ukoll tieħu gost tiskopri talenti ġodda, allura Amélie żgur li se jinżillek għasel. Aħna kellna ċ-ċans li nżuru t-teatru u naraw l-aħħar prova lbieraħ filgħaxija qabel il-musical jiftaħ għan-nies, illejla!
Id-dettall li daħal fih it-tim wara din il-produzzjoni huwa tassew impressjonanti. Taħt id-direzzjoni ta’ Dorothy Bezzina u d-direzzjoni mużikali ta’ Edward Mifsud, il-kast spikka kemm individwalment kif ukoll bħala ensemble. Din mhux l-ewwel darba li Dorothy u Edward, f’isem Revamp MT, taw il-ħajja lil musical, u kull produzzjoni tagħhom tħalli lill-udjenzi ħerqana għal aktar.
Is-sett ta’ Amélie kien fdat f’idejn Matthew Cassar, li rnexxielu jittrasforma l-palk f’diversi xeni b’mod tassew kreattiv u bla xkiel li għen l-istorja tieħu l-ħajja b’mod aktar vivaċi mingħajr kumplikazzjonijiet żejda. L-esperjenza ta’ Matthew Cassar, kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna qed tispikka tassew!
Il-kast kollu kien mill-aqwa, iżda diffiċli ma ssemmix lil Christina Despott fil-parti prinċipali ta’ Amélie. Hija tat il-ħajja lill-karattru b’mod awtentiku, sinċier u mimli emozzjoni, tant li tħallik trid tiskopri aktar dwarha matul il-produzzjoni kollha. Għalkemm dawk midħla tat-teatru ilhom jaraw lil Christina fuq il-palk, din il-parti żgur tathielha opportunità sabiħa biex tikber aktar bħala artista u turi mhux biss il-ħila tagħha fir-reċtar, iżda wkoll il-versatilità tagħha bħala kantanta.
Spikka wkoll Luigi Buhagiar, li interpreta l-karattru ta’ Nino. Attur bravissimu b’leħen li jsaħħar. Amélie u Nino, huma żewġ karattri li donnhom jgħixu f’dinjiet differenti, sakemm fl-aħħar il-mogħdijiet tagħhom jiltaqgħu b’mod mhux mistenni.
Jekk qed tfittex lejla rilassanti u produzzjoni ta’ livell għoli, titlifx iċ-ċans li tmur tara Amélie fit-Teatru Manoel. Produzzjoni li ġenwinament se tiddevertik u tfakkrek fit-talent sabiħ li għandu x’joffri pajjiżna.