Matthew Bartolo qasam messaġġ emozzjonanti u profond dwar il-qawwa tat-tgħanniqa u l-importanza tal-kuntatt fiżiku fil-ħajja tal-bniedem, hekk kif spjega kif kuntatt fiżiku sigur jista’ jgħin lis-sistema nervuża tikkalma ruħha waqt mumenti ta’ stress, ansjetà jew dwejjaq emozzjonali.
Fil-kitba twila tiegħu, Matthew spjega kif il-bniedem huwa “mibni b’mod naturali għall-konnessjoni ma’ oħrajn”, filwaqt li sostna li ħafna drabi tgħanniqa vera tista’ tagħmel aktar mill-kliem. “Għannqu lill-għeżież tagħkom biex issibu l-kalma,” kiteb Matthew fil-bidu tal-messaġġ tiegħu, hekk kif spjega li kuntatt fiżiku sigur jista’ jnaqqas l-istress, inaqqas il-pressjoni tad-demm u anke jgħin lill-ġisem jirrilaxxa l-ormon oxytocin, magħruf bħala l-ormon tal-konnessjoni u r-rabta emozzjonali.
Hu spjega wkoll kif illum il-ġurnata ħafna nies qed ibatu minn nuqqas ta’ kuntatt uman minkejja li huma mdawrin bin-nies u bit-teknoloġija kontinwament. “Ħafna nies huma nieqsa mill-kuntatt fiżiku minkejja li kontinwament ikunu mdawrin bin-nies,” kiteb, hekk kif tkellem dwar kif il-ħajja moderna qed tnaqqas il-konnessjoni reali bejn il-bnedmin.
Matthew saħaq li mhux kull tgħanniqa għandha l-istess effett, u li tgħanniqa sinċiera u sigura tista’ tagħti sens ta’ protezzjoni u serħan il-moħħ, speċjalment waqt mumenti diffiċli bħal niket, qtigħ il-qalb jew għeja emozzjonali.
Hu sostna wkoll li diversi studji juru kif tgħanniqa itwal, ta’ madwar 20 sekonda, tista’ tħalli effett aktar pożittiv fuq il-ġisem u s-sistema nervuża. Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, Matthew ħeġġeġ lin-nies sabiex ma jibżgħux juru mħabba u affezzjoni lejn dawk ta’ madwarhom.
“Għannqu lill-ġenituri tagħkom waqt li għadkom tistgħu. Għannqu lill-ħbieb tagħkom… mhux għax huwa sentimentali, iżda għax il-bijoloġija għandha importanza kbira,” kiteb. Messaġġ li bla dubju mess il-qlub ta’ ħafna persuni fuq il-midja soċjali, speċjalment f’soċjetà fejn l-istress u l-pressjoni tal-ħajja qed iħallu impatt dejjem akbar fuq is-saħħa mentali u emozzjonali tal-individwu.
Facebook / Matthew Bartolo