Storja ġdida nkitbet għall-isport Malti hekk kif it-tim nazzjonali tar-rugby kiseb promozzjoni storika għar-Rugby Europe Trophy wara rebħa dominanti ta’ 39-13 kontra l-Awstrija fil-grawnd nazzjonali ta’ Ta’ Qali.
Appoġġjati minn folla entużjasta ta’ partitarji Maltin, it-tim nazzjonali ta wirja impressjonanti mill-bidu sal-aħħar f’logħba li kienet meqjusa bħala waħda mill-aktar importanti fl-istorja tar-rugby Malti. Din kienet ukoll l-ewwel darba li Malta ospitat partita internazzjonali tar-rugby ġewwa Ta’ Qali.
Iż-żewġ timijiet daħlu għal din il-playoff bla telfa, iżda kienu l-Maltin li ħadu kontroll assolut tal-logħba bi prestazzjoni mill-aqwa kemm fid-difiża kif ukoll fl-attakk. Malta rnexxielha tiddomina lill-avversarji Awstrijaċi u tagħlaq il-konfront b’rebħa konvinċenti ta’ 39-13.
Il-konfront kien wieħed kruċjali, hekk kif il-promozzjoni għar-Rugby Europe Trophy, it-tieni diviżjoni tar-rugby Ewropew, kienet fuq il-linja. B’din ir-rebħa, Malta issa se tibda tikkompeti b’mod regolari kontra nazzjonijiet Ewropej aktar b’saħħithom, pass importanti ħafna għall-iżvilupp tal-isport fil-pajjiż.
Għalkemm ir-rugby mhux dejjem jingħata l-akbar attenzjoni fix-xena sportiva lokali, din il-ġurnata se tibqa’ mfakkra bħala waħda storika għall-isport Malti. Il-prestazzjoni tat-tim nazzjonali mhux biss tat promozzjoni lil Malta, iżda wkoll wriet kemm ir-rugby Malti kompla jikber u jilħaq livelli ġodda.
Prosit lit-tim kollu u lil dawk kollha involuti f’dan is-suċċess memorabbli!
Facebook / Malta Rugby Football Union