Il-Korp Tal-Pulizija Jissaħħaħ B’Sitt Vetturi Elettriċi Ġodda Għal Żoni Turistiċi

Il-Korp tal-Pulizija kompla jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fiż-żoni turistiċi permezz ta’ sitt vetturi elettriċi ġodda li se jintużaw mill-Pulizija tal-Komunità biex itejbu s-sigurtà f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.

Dawn il-vetturi ġew mogħtija b’donazzjoni mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), permezz ta’ fondi amministrati flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu.



Il-karozzi elettriċi, mudell Hyundai Kona, se jkunu qed joperaw f’Tas-Sliema, is-Swieqi, il-Kottonera, Marsaxlokk, Paceville u Għawdex.



L-introduzzjoni ta’ dawn il-vetturi għandha l-għan li ttejjeb ir-rispons rapidu tal-Pulizija, tgħin fit-tnaqqis ta’ reati relatati mat-turiżmu u ssaħħaħ ir-rabta bejn il-Pulizija u l-komunità. Dan huwa meqjus bħala pass importanti biex titjieb l-esperjenza tal-viżitaturi u tkompli tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni sigura u affidabbli.



Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA, Andrew Agius Muscat, sostna li l-assoċjazzjoni taħdem mill-qrib ma’ diversi entitajiet sabiex tappoġġja turiżmu sostenibbli fil-gżejjer Maltin, filwaqt li enfasizza r-rwol kruċjali tal-Korp tal-Pulizija f’dan il-qasam.

Huwa qal li s-sigurtà tibqa’ element essenzjali kemm għall-kwalità tat-turiżmu kif ukoll għall-ġid tal-komunitajiet, u għalhekk il-ħidma tal-Pulizija tal-Komunità hija ta’ importanza kbira.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI