Shawn Ciantar Jerġa’ Jagħmel Unur Lil Malta B’Rebħa Prestigjuża Fil-Greċja

Shawn Ciantar reġa’ għamel isem għal Malta fix-xena internazzjonali tal-mużika wara li rebaħ il-prestiġjuż Grand Prix waqt il-festival internazzjonali Apollo Games li sar f’Khalkhidiki, il-Greċja.

Dan il-festival ġabar flimkien kantanti minn diversi pajjiżi fosthom il-Bulgarija, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Renju Unit, ir-Rumanija, Malta u l-Greċja, f’ċelebrazzjoni kbira tal-mużika u l-kultura.

Malta kienet irrappreżentata wkoll minn Evelina Batey li serviet bħala membru tal-ġurija internazzjonali, filwaqt li Shawn Ciantar ikkompeta fil-kategorija Senior għal parteċipanti ta’ ’l fuq minn 18-il sena.



F’kumment li tat wara s-suċċess tiegħu, Evelina Batey qalet li Shawn ta prestazzjoni memorabbli li emozzjonat kemm lill-udjenza kif ukoll lill-parteċipanti kollha preżenti. Hija spjegat kif l-interpretazzjonijiet tiegħu tal-kanzunetti This Is the Moment u The Impossible Dream ħallew impatt qawwi fis-sala u wasslu għal standing ovations u tifħir mill-ġurija internazzjonali.



Dan is-suċċess jimmarka t-tieni rebħa internazzjonali Grand Prix għal Shawn Ciantar, wara li s-sena li għaddiet kien diġà kiseb rebħa oħra waqt festival internazzjonali tal-mużika fil-Maċedonja ta’ Fuq.

Il-kisba tiegħu qed titqies bħala unur ieħor għal Malta, hekk kif Shawn qed ikompli jispikka fuq palkijiet internazzjonali u jirrappreżenta lil pajjiżna b’passjoni, professjonalità u talent vokali impressjonanti.



Ritratti:

Facebook / Shawn Ciantar

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI