Il-kumpanija Nectar sellmet lil wieħed mill-eks impjegati tagħha, Alfred Sammut, li miet fl-età ta’ 69 sena.
Fi stqarrija mimlija emozzjoni, il-kumpanija qalet li Alfred ingħaqad ma’ Nectar f’Awwissu tal-1996 u ddedika kważi tliet deċennji ta’ servizz leali lill-kumpanija. Huwa rtira f’Awwissu tal-2024 wara 28 sena ta’ ħidma.
Nectar iddeskriviet lil Alfred bħala persuna magħrufa mhux biss għad-dedikazzjoni u l-ħidma tiegħu, iżda wkoll għat-tbissima u l-qalb kbira li kien iġib miegħu kullimkien. Sħabu fuq il-post tax-xogħol jiftakruh bħala persuna dejjem lest biex tgħin lil oħrajn meta jkun hemm bżonn.
Matul l-aħħar għaxar snin tal-karriera tiegħu, Alfred kien parti importanti mid-Diviżjoni tal-Food Service, fejn kompla jagħti l-appoġġ tiegħu lit-tim skont il-ħtiġijiet tan-negozju. Il-kumpanija qalet li l-impenn, l-affidabbiltà u l-attitudni pożittiva tiegħu ħallew impatt kbir fuq dawk kollha li kellhom il-privileġġ jaħdmu miegħu.
“Alfred se jibqa’ mfakkar bħala ġentlom leali u membru apprezzat tal-familja Nectar,” intqal fl-istqarrija. F’isem il-ħaddiema kollha tagħha, Nectar wasslet il-kondoljanzi sinċieri lill-familja, lill-ħbieb u lil dawk kollha li jinsabu mnikkta b’din it-telfa.
Jistrieħ fis-sliem.