Hemm min ma jkollux problema jqum kmieni filgħodu u jibda l-ġurnata mimli enerġija, filwaqt li oħrajn iħossuhom fl-aqwa tagħhom biss wara li tinżel ix-xemx. Imma għaliex?
Skont ix-xjenza, dan jiddependi mill-kronotip tagħna, jiġifieri l-arloġġ naturali tal-ġisem li jiddetermina meta nkunu l-aktar attivi u meta jkollna bżonn il-mistrieħ.
Persuni ta’ filgħodu ġeneralment ikunu aktar produttivi kmieni matul il-ġurnata, filwaqt li dawk tal-lejl ikollhom aktar enerġija filgħaxija u fis-sigħat tard.
Ir-riċerkaturi jgħidu li dan huwa influwenzat kemm mill-ġenetika kif ukoll mill-età. Fil-fatt, ħafna żgħażagħ għandhom tendenza li jkunu aktar attivi bil-lejl, filwaqt li hekk kif nikbru fl-età ħafna minna nibdew nippreferu nqumu aktar kmieni.
L-esperti jisħqu li m’hemmx kronotip aħjar minn ieħor. L-aktar ħaġa importanti hija li wieħed jorqod biżżejjed u jipprova jadatta r-rutina tiegħu mal-ħinijiet li fihom iħossu l-aktar enerġetiku.
U inti? Int minn dawk li jqumu qabel ma jdoqq l-allarm, jew minn dawk li l-enerġija tagħhom tibda tidher biss filgħaxija?