L-Għaqda Tat-Turiżmu Għawdxi Tilqa’ L-Introduzzjoni Tal-Karrozzi Tal-Linja Elettriċi F’Għawdex

L-Għaqda tat-Turiżmu Għawdxi (Gozo Tourism Association) laqgħet b’sodisfazzjon l-introduzzjoni tal-karrozzi tal-linja elettriċi ġodda f’Għawdex, investiment li qed jitqies bħala pass importanti lejn mobilità aktar sostenibbli madwar il-gżira.

L-Għaqda nnutat li flimkien mal-introduzzjoni tal-flotta l-ġdida, sar ukoll titjib f’diversi rotot madwar Għawdex, li kompla jsaħħaħ is-servizz tat-trasport pubbliku li diġà qed iservi b’mod konsistenti lir-residenti, lill-ħaddiema u lit-turisti.

Skont il-Gozo Tourism Association, il-bidla lejn karozzi tal-linja elettriċi hija konformi mal-viżjoni fit-tul ta’ Għawdex bħala eco-island. Trasport aktar nadif mhux biss jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u t-tniġġis mill-istorbju, iżda joffri wkoll esperjenza aħjar u aktar responsabbli għall-viżitaturi.

L-Għaqda sostniet li inizjattivi bħal dawn isaħħu l-impenn ta’ Għawdex biex jipproteġi l-ambjent naturali tiegħu, itejjeb il-kwalità tal-arja u jinkoraġġixxi mezzi ta’ vvjaġġar aktar sostenibbli.

Hija enfasizzat ukoll li investiment kontinwu fl-infrastruttura tat-trasport sostenibbli huwa essenzjali biex jappoġġja s-settur turistiku Għawdxi, speċjalment fi żmien meta aktar vjaġġaturi qed jagħżlu destinazzjonijiet li jagħtu prijorità lill-protezzjoni ambjentali.

Il-Gozo Tourism Association iddeskriviet l-introduzzjoni tal-karrozzi tal-linja elettriċi bħala pass pożittiv u sostniet li tħares ’il quddiem għal aktar kollaborazzjoni mal-partijiet interessati biex Għawdex ikompli jservi bħala eżempju ewlieni ta’ turiżmu sostenibbli fuq livell internazzjonali.







Ritratti:

Facebook / Tal-Linja

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI