Il-kantanta Maltija Ira Losco qasmet ħsibijiet sinċieri dwar il-karriera tagħha fil-mużika u kif din bidlitilha ħajjitha matul is-snin.
F’kitba li tellgħet fuq il-midja soċjali, Ira spjegat li waħda mill-isbaħ affarijiet dwar il-mużika hija l-mod kif twasslek tagħmel affarijiet li qatt ma tkun qed tistenna. Hija qalet li l-mużika ħaditha f’diversi pajjiżi madwar id-dinja u fetħitilha bibien li qatt ma kienet timmaġina li jinfetħu għaliha.
Fl-istess messaġġ, Ira qalet li tħossha ispirata meta tara l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ mużiċisti Maltin. Hija spjegat li tieħu gost tara x’qed jiksbu l-artisti żgħażagħ tal-lum u kemm illum jeżistu opportunitajiet li fi żmienha ma kinux disponibbli.Madankollu, hija osservat ukoll li flimkien ma’ dawn l-opportunitajiet ġodda jiġu sfidi differenti minn dawk li l-artisti kienu jiffaċċjaw fil-passat.
Ira temmet il-messaġġ tagħha billi sostniet, “l-akbar rigal li stajt tirċievi mill-mużika huwa l-konnessjoni man-nies u l-memorji sbieħ warajhom.”
Fb/ Ira Losco