“Crust Kienet Parti Kbira Minn Ħajti” – Sean Gravina Jagħlaq Kapitlu Importanti

Il-kok u imprenditur Sean Gravina ħabbar li uffiċjalment għalaq kapitlu importanti fil-karriera tiegħu hekk kif m’għadux involut fir-ristorant Crust, il-marka li bena mill-bidu u li mexxa għal aktar minn għaxar snin.

F’messaġġ emozzjonanti li qasam fuq il-midja soċjali, Gravina żvela li hu u s-sħabu kienu ddeċidew madwar sena ilu li jqiegħdu n-negozju għall-bejgħ. Fi Frar tal-2026, Crust tpoġġa uffiċjalment fis-suq u fi żmien xahar instab xerrej. Il-ġimgħa li għaddiet ġew iffirmati l-aħħar dokumenti, u b’hekk ingħalaq uffiċjalment dan il-kapitlu.

“Crust kienet marka li bnejt mill-bidu. Għal aktar minn għaxar snin sar post maħbub minn tant Maltin u viżitaturi. Qatt ma kien biss negozju għalija; kienet proġett li fih investejt parti kbira minn ħajti, l-enerġija, il-passjoni u l-ħolm tiegħi,” kiteb Gravina.



Għalkemm ma daħalx fid-dettall dwar ir-raġunijiet wara l-bejgħ, huwa spjega li kien hemm aspetti tan-negozju li ma baqgħux jagħmlu sens u li l-bejgħ ta opportunità lil kulħadd biex jimxi ’l quddiem. Fl-istess waqt, enfasizza li m’għandu xejn negattiv xi jgħid dwar sħabu u li tgħallem ħafna mill-esperjenza fin-naħa kummerċjali tal-industrija tal-catering.



Gravina qasam ukoll parir għal dawk li qed jidħlu fid-dinja tan-negozju. Huwa saħaq fuq l-importanza li l-fundaturi u l-investituri jkunu allinjati mill-ewwel jum, b’viżjoni, aspettattivi u għanijiet ċari. Skontu, meta n-nies ma jkunux qed jaħdmu lejn l-istess destinazzjoni, il-motivazzjoni u l-entużjażmu jistgħu jisparixxu malajr.

Minkejja li qal li ma jistax jilmenta bir-riżultat tal-bejgħ, ammetta li ma kienx faċli jħalli warajh xi ħaġa li bena fuq medda ta’ aktar minn għaxar snin. “Hemm ċerta niket meta tagħlaq kapitlu li ffurma parti tant kbira minn ħajtek,” stqarr.

Madankollu, jidher li l-futur diġà qed joffri opportunitajiet ġodda. Gravina żvela li diġà ġie avviċinat minn diversi investituri u individwi dwar proġetti futuri possibbli. Għalkemm bħalissa qed jagħżel li jieħu ftit ħin għalih innifsu, għall-familja tiegħu u għan-negozji l-oħra tiegħu, huwa ta x’jifhem li għandu diversi kunċetti ġodda f’moħħu.

“Xi ħaġa ġdida se toħroġ fil-futur qarib,” kiteb, filwaqt li qal li għalissa jixtieq inaqqas ir-ritmu u jgawdi l-vjaġġ. Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, Gravina rringrazzja lill-klijenti kollha li appoġġjaw lil Crust matul is-snin, żaru r-ristorant, irrakkomandawh u emmnu fil-viżjoni tiegħu.

“Wara aktar minn għaxar snin, Crust u jien uffiċjalment infiridna. Issa wasal iż-żmien għall-kapitlu li jmiss.”



Ritratti:

Facebook / Sean Gravina

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI