Fuq il-paġna Rubs Puppy Love ġiet maqsuma storja sentimentali minn Carolee Cumbo, wara li familtha salvat lil Sasha, kelba li allegatament kienet tħalliet waħedha fit-triq mingħajr ikel jew ilma.
F’messaġġ emozzjonanti indirizzat lil Sasha, Carolee rrakkuntat kif erbat ijiem ilu l-kelba nstabet f’nofs ta’ triq, imbeżżgħa u konfuża, taħt ix-xemx qawwija tas-sajf. “Salvajnilek ħajtek, imma int tajtna xi ħaġa ħafna aktar prezzjuża… il-fiduċja tiegħek,” kitbet Carolee, filwaqt li enfasizzat kif minkejja dak li għaddiet minnu, Sasha għażlet li terġa’ tafda lill-bniedem.
Illum, Sasha m’għadhiex kelba abbandunata. Hija parti minn familja ġdida li qed tagħtiha ħafna imħabba u kura li tant jistħoqqilha. Carolee għamlet ukoll referenza għall-fatt li qabel kienet ippruvat tadotta kelb ieħor iżda ma rċeviet l-ebda tweġiba. Ironikament, proprju minħabba dan sabet lil Sasha u tħossha grata għal dan il-mument.
“Int il-prinċipessa tagħna, il-familja tagħna,” temmet fl-aħħar tal-messaġġ tagħha, li spiċċa b’wegħda sabiħa: “Għal dejjem maħbuba, għal dejjem sigura, għal dejjem id-dar.”
Fb/ Carolee Cumbo fuq Rubs Puppy love