Illum jagħlqu erba’ snin minn meta Mark Piscopo, magħruf minn ħafna bħala ‘Il-Lullu’, li ħalla din id-dinja fl-10 ta’ Ġunju 2022 fl-età ta’ 52 sena wara marda twila. Kien persuna stmata ħafna fil-futbol Malti.
Il-paġna Malta and International Football Collection, kitbet messaġġ li fakkar il-ħidma u d-dedikazzjoni tiegħu lejn il-futbol Malti. Piscopo kien serva bħala Kit Manager ta’ Floriana FC u aktar tard ingħaqad mat-tim nazzjonali Malti. L-ewwel impenn tiegħu mat-tim nazzjonali kien fil-partita barra minn darna kontra Iżrael f’Tel Aviv fit-2 ta’ Settembru 2010.
Minn dak il-jum ’il quddiem, huwa serva bħala Kit Manager f’104 partiti internazzjonali differenti. Matul dawn is-snin ħadem taħt sitt kowċis differenti tat-tim nazzjonali: John Buttigieg, Robert Gatt, Pietro Ghedin, Tom Saintfiet, Ray Farrugia u Devis Mangia.
Wara l-mewt tiegħu fl-2022, it-tim nazzjonali Malti tah ġieħ speċjali fil-partita kontra San Marino, li ntlagħbet jumejn biss wara l-mewt tiegħu. F’dik il-logħba, il-plejers Maltin lagħbu b’faxxa sewda fuq dirgħajhom bħala sinjal ta’ rispett, filwaqt li l-kaptan tat-tim, Steve Borg, poġġa bukket fjuri fuq is-siġġu li normalment kien ikun okkupat minn Mark Piscopo.
Il-memorja tiegħu tibqa’ ħajja fost dawk kollha li ħadmu miegħu u fost il-komunità tal-futbol Malti, li għadha tiftakru b’għożża sal-lum!
Fb/ Malta and International Football Collection & Replay