Permezz ta’ kitba fuq il-grupp pubbliku Malta Lura fil-Passat, persuna qasmet mal-membri paġna antika tal-gazzetta Iż-Żmien datata 6 ta’ Awwissu 1969, li tagħti ħarsa lejn avveniment li dak iż-żmien qanqal ħafna diskussjoni fil-pajjiż.
Fil-gazzetta kien hemm miktub li żewġ tfajliet Maltin kienu ġew ordnati mill-pulizija biex jitilqu minn Malta minħabba l-ilbies tagħhom, li kien deskritt bħala “bikini”. It-titlu ewlieni tal-artiklu kien jgħid: “It-tfajliet tal-bikini ordnati mill-pulizija jħallu Malta.”
L-artiklu jirrakkonta kif Kathy Mary Moran u Maryrose Jennifer Brincat kienu ngħataw ordni biex jitilqu mill-pajjiż wara li dehru jilbsu lbies li dak iż-żmien kien meqjus bħala mhux aċċettabbli skont l-istandards soċjali prevalenti. Skont ir-rapport, iż-żewġ tfajliet kienu qajmu kontroversja u l-każ tagħhom kien attira l-attenzjoni tal-awtoritajiet.