Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Animal Welfare Gozo laqqgħu lis-segwaċi tagħhom ma’ Jerry li qed ifittex id-dar dejjiema tiegħu. Taw ukoll l-istorja tiegħu flimkien ma’ ħuħ Tom li sfortunatament ma rnexxilux jasal s’hawn.
Huma qalu, “F’wieħed mill-ħdud fix-xahar ta’ April, irċivejna telefonata fejn qalulna li żewġ qtates żgħar kienu jeħtieġu l-għajnuna. Ġew miġbura immedjatament, ġew maħsula, u ngħataw lill-fosterer dedikat tagħna sabiex jitmagħhom bil-flixkun hekk kif kien għadhom wisq żgħar biex jieklu weħedhom.”
Żiedu, “Iż-żewġ aħwa ngħataw kura kontra l-briegħed, mediċina kontra d-dud u ġew ikkurati wkoll għall-influwenza tal-qtates. Jerry kien qed jagħmel progress mill-aqwa, kien jixrob il-ħalib bil-ħerqa u beda juri wkoll sinjali li ried jilgħab. Sfortunatament, Tom kellu problemi bin-nifs u miet waqt li kien rieqed”
Qalu wkoll, “Jerry issa qed ifittex dar għal dejjem. Huwa ġie eżaminat minn veterinarju, beda jieħu l-vaċċini tiegħu u għandu wkoll microchip. Huwa mdorri kemm mal-qtates kif ukoll mal-klieb, peress li jilgħab magħhom regolarment fid-dar tal-fosterer. Jekk inti interessat tagħti dar lil Jerry, jekk jogħġbok ibgħatilna messaġġ privat. Jekk le, nitolbuk tixxerja din il-kitba sabiex Jerry isib l-aqwa dar possibbli.”