Sitt ġriewi li aktar kmieni dan ix-xahar ġew salvati mill-MSPCA, mill-Marsa Golf Club, issa jinsabu lesti biex isibu familji ġodda li joffrulhom dar għal dejjem. Minħabba minn fejn instabu, dawn il-ġriewi ngħataw il-laqam ta’ “Golf Course Pups”.
L-ewwel ġimgħat ta’ ħajjithom ma kinux faċli, hekk kif ħafna minnhom kienu infestati bil-briegħed u l-qurdien. Madankollu, grazzi għad-dedikazzjoni tal-voluntiera tal-MSPCA, il-ġriewi rċevew il-kura meħtieġa u llum jinsabu f’saħħithom u lesti biex jibdew kapitlu ġdid.
Fi stqarrija fuq il-midja soċjali, l-MSPCA introduċiet lill-ġriewi Gus, Lowry, Par, Mulligan, Tiger u Seve, li llum għandhom tmien ġimgħat. L-organizzazzjoni spjegat li huma qattgħu ħajjithom kollha flimkien, jilagħbu, jieklu u jorqdu maġenb xulxin, filwaqt li kellhom l-aqwa bidu possibbli grazzi għall-kura ta’ ommhom u missierhom.
Issa, iżda, wasal iż-żmien li kull wieħed minnhom isib familja tiegħu stess. L-MSPCA appellat lill-pubbliku biex jgħin sabiex dawn il-ġriewi jsibu djar mimlijin imħabba u ma jispiċċawx iqattgħu ħajjithom f’xelter. Kull min qed ifittex membru ġdid għall-familja tiegħu jista’ jkun li jsib il-ħabib perfett fost dawn il-ġriewi.
Facebook/MSPCA