“Bis-Saħħa Tal-Ġenerożità U L-Imħabba Tagħkom, Nistgħu Nagħtuhom Xi Ħaġa Li Tibdel Ħajjithom Ta’ Kuljum.” – Len And Jacob Wellness Fund

Len and Jacob Wellness

Len and Jacob Wellness Fund esprimew l-apprezzament profond tagħhom lejn il-komunità kollha li tat is-sehem tagħha biex għeluq l-14-il sena ta' Len u Jacob ikun wieħed tassew memorabbli.

Fi stqarrija l-familja qalet li l-kliem waħdu mhux biżżejjed biex jesprimi kemm huma grati lejn kull min ta donazzjoni, bagħat kelma ta' kuraġġ jew wera appoġġ matul din l-inizjattiva speċjali.

"Bis-saħħa tal-ġenerożità u l-imħabba tagħkom, nistgħu nagħtuhom xi ħaġa li tibdel ħajjithom ta’ kuljum," kitbu fl-istqarrija.

Bis-saħħa tal-ġenerożità ta' tant persuni, issa se jkun possibbli li Len u Jacob ikollhom vettura aktar aċċessibbli, li mhux biss se tiffaċilita l-ħajja tagħhom ta' kuljum, iżda wkoll se tibqa' taqdi l-bżonnijiet tagħhom fis-snin li ġejjin hekk kif jikbru.

Il-familja saħqet li kull donazzjoni, kbira jew żgħira, kif ukoll kull ġest ta' mħabba u solidarjetà, ħalla impatt kbir fuqhom u fakkarhom kemm huma mdawrin b'nies li tassew jimpurtahom.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI