Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici ħabbar investiment ta’ €762,021 biex jitwettqu xogħlijiet ta’ tisbiħ u manutenzjoni fi 11-il blokka ta’ appartamenti tal-Housing f’Ta’ Xbiex, b’investiment li se jkun ta’ benefiċċju għal 91 familja li jgħixu f’dawn il-binjiet.
Ix-xogħlijiet, li bdew fi Frar li għadda u huma mistennija jitlestew sal-aħħar ta’ din is-sena, huma parti minn programm usa’ ta’ riġenerazzjoni tal-Housing Estates madwar Malta.

Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru Bonnici sostna li dan l-investiment jirrifletti l-impenn tal-Gvern biex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti fil-Housing Estates, filwaqt li jiżgura li l-binjiet residenzjali jinżammu f’kundizzjoni tajba u sikura. Huwa spjega li dawn l-interventi mhux biss itejbu d-dehra tal-inħawi, iżda joħolqu wkoll ambjent aktar sigur, modern u sostenibbli għall-familji.
Il-proġett jinkludi firxa wiesgħa ta’ xogħlijiet fuq il-faċċati, il-bjut u l-partijiet komuni tal-blokok. Fosthom hemm tindif u restawr tal-ġebel tal-faċċati, tiswijiet fil-konkos tal-gallariji, tikħil u żebgħa, kif ukoll l-installazzjoni ta’ vent covers ġodda.
Fuq il-bjut se jsir tindif ġenerali, applikazzjoni ta’ liquid membrane, tiswijiet u żebgħa tal-opramorti u tat-tromba tat-taraġ minn barra, organizzazzjoni aħjar tat-tankijiet tal-ilma u l-pajpijiet, kif ukoll it-tneħħija tal-asbestos fejn ikun meħtieġ.

Il-partijiet komuni se jiġu mtejba permezz ta’ tikħil u żebgħa tal-ħitan u s-soqfa interni, żebgħa tar-railings tat-taraġ, tiswija u aġġornament tas-sistema tad-dawl, installazzjoni ta’ intercoms ġodda fejn hemm il-ħtieġa, sostituzzjoni tal-meter cupboards tal-injam b’oħrajn tal-aluminium, kif ukoll xogħlijiet fuq il-madum, l-irħam u l-aperturi tal-komun.
Għaż-żjara attendew ukoll is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv tal-Housing Projects Solutions Marisa Marmara, iċ-Chairman tal-Awtorità tad-Djar Robert Ducker, u s-Segretarju Eżekuttiv ta’ Ta’ Xbiex Simeon Nechev.