Ir-riċerka dwar il-wirt avikulturali Malti kompliet tavvanza bid-dokumentazzjoni xjentifika ta’ żewġ razez lokali ġodda tal-Għasfur tal-Bejt (Passer hispaniolensis), magħrufa bħala l-Opal u l-Agate.
Dawn ir-razez żviluppaw f’Malta permezz ta’ għażla selettiva fuq diversi ġenerazzjonijiet, u llum huma meqjusa bħala linji ġenetikament stabbli u distinti li jiffurmaw parti mill-wirt avikulturali tal-gżejjer Maltin.
L-istudju, miktub minn Arnold Sciberras, Jeffrey Sciberras u Roderick Abela, jinkludi wkoll analiżi tal-Verdun tal-Gaġeġ Malti u tqabbilha mal-Major Greenfinch, razza internazzjonalment rikonoxxuta.

Ir-riċerka turi kif snin twal ta’ trobbija selettiva taw lok għal razez uniċi li jirriflettu kemm il-ġenetika kif ukoll it-tradizzjoni avikulturali Maltija.
Minbarra d-deskrizzjoni dettaljata tal-karatteristiċi u l-ġenetika ta’ dawn l-għasafar, l-awturi jenfasizzaw l-importanza li dawn ir-razez jiġu dokumentati u mħarsa sabiex ma jintilfux permezz ta’ taħlit mhux ikkontrollat.
Dawn il-linji jirrappreżentaw mhux biss valur xjentifiku, iżda wkoll parti importanti mill-patrimonju kulturali u naturali ta’ Malta.
Dan ix-xogħol huwa parti minn proġett usa’ li ilu għaddej għal aktar minn għoxrin sena, immirat biex jiddokumenta u jippreserva r-razez lokali Maltin qabel ma jintilfu għal dejjem, u b’hekk jitħares kapitlu uniku fl-istorja naturali u kulturali tal-Gżejjer Maltin.
