Il-Parlament Ewropew approva miżuri ġodda maħsuba biex itaffu l-piż finanzjarju fuq il-bdiewa Ewropej hekk kif il-prezzijiet tal-fertilizzanti komplew jogħlew b'mod sostanzjali.
Il-miżuri, li ġew approvati b'576 vot favur, 62 kontra u 15-il astensjoni, għandhom l-għan li jiżguraw li l-bdiewa jkollhom l-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex jixtru l-fertilizzanti għall-istaġun tat-tkabbir li jmiss, filwaqt li tiġi evitata tnaqqis fil-produzzjoni tal-ikel u żieda fil-prezzijiet għall-konsumaturi. Fost il-miżuri approvati hemm appoġġ ta' likwidità li jista' jkopri sa 80% tal-ispejjeż addizzjonali li l-bdiewa qed iġarrbu minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-fertilizzanti.
Barra minn hekk, il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea se jkunu jistgħu jżidu l-pagamenti bil-quddiem fuq il-pagamenti diretti lill-bdiewa minn 70% għal 75%, sabiex dawk eliġibbli jirċievu l-għajnuna aktar kmieni mis-soltu. L-Istati Membri se jingħataw ukoll aktar flessibbiltà biex jaġġustaw il-baġits tal-pagamenti diretti tagħhom għas-sena d-dieħla. Qabel dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ, issa jeħtieġ li jiġu adottati formalment mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.
Il-prezzijiet tal-fertilizzanti għandhom impatt dirett fuq il-produzzjoni tal-ikel, hekk kif dawn jirrappreżentaw sa 16% tal-ispejjeż tal-produzzjoni għall-bdiewa. L-Unjoni Ewropea tiddependi fuq l-importazzjoni ta' madwar 30% tal-fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu u 70% tal-fertilizzanti fosfatiċi użati fl-agrikoltura.
Fl-istess ħin, il-produzzjoni Ewropea tal-fertilizzanti tiddependi ħafna fuq il-gass naturali. Għaldaqstant, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u t-tensjonijiet ġeopolitiċi, fosthom il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u s-sitwazzjoni riċenti fil-Lvant Nofsani, inkluż l-għeluq tal-Istrett ta' Hormuz, komplew jagħmlu pressjoni fuq is-suq u wasslu għal żidiet sostanzjali fil-prezzijiet.