Il-komunità tal-Fgura se tkun qed tiċċelebra mument speċjali matul il-festa tal-Madonna tal-Karmnu hekk kif il-vara titulari se tkun qed tilbes stellarju ġdid għall-ewwel darba. Din l-opra artistika nħadmet kompletament bl-idejn fuq disinn ta’ Gabriel Farrugia, li kien ukoll responsabbli mill-ħidma tagħha. L-istellarju għandu dijametru ta’ 40 ċentimetru u huwa mżejjen b’ħaġar dekorattiv li jkompli jsaħħaħ is-sbuħija tiegħu.

Ritratt: Jacob Gauci - The Small Room
Il-biċċa tinkludi wkoll banju tad-deheb (gold plating), li joħloq kuntrast eleganti mal-parti ċentrali magħmula minn weraq immartellati bl-idejn, sabiex dawn jispikkaw aktar mill-kumplament tal-istellarju. L-istellarju se jintlibes waqt il-Quddiesa tat-Traslazzjoni nhar is-Sibt li ġej, qabel ma l-istatwa toħroġ bih għall-ewwel darba fil-purċissjoni tal-Ħadd.
Dan il-proġett ikompli jżid mal-opri artistiċi li saru għażiża għall-vara, hekk kif is-sena li għaddiet ġew inawgurati wkoll sandli ġodda tal-fidda ibbanjati fid-deheb, ukoll fuq disinn u xogħol ta’ Gabriel Farrugia. Intant, Ron, dilettant tal-festa, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-proġett b’messaġġ mimli emozzjoni. "Ħolma oħra qed issir realtà! Ilbieraħ, waqt il-quddiesa ta’ qabel il-ħruġ min-niċċa, ippreżentajna l-istellarju l-ġdid li se jkun qed iżejjen il-vara għażiża tagħna fil-jiem tal-festa."
Huwa rringrazzja lill-Fgurin għad-donazzjonijiet tagħhom, u qal li dawn huma xhieda tal-imħabba kbira li għandhom lejn il-Patruna tagħhom, il-Madonna tal-Karmnu. Ron spjega wkoll li matul dawn il-jiem l-istellarju se jkun espost fin-niċċa tal-vara, sabiex nhar is-Sibt jiġi mbierek u jitqiegħed fuq ras il-Madonna qabel il-festa tilħaq il-qofol tagħha.
"Viva l-Madonna tal-Karmnu!" temm jgħid.
Jacob Gauci – The Small Room