Folk Underground, waħda mill-aktar attrazzjonijiet kulturali ġodda f’Malta, qed tħalli impressjoni qawwija fuq kemm il-Maltin kif ukoll it-turisti, permezz ta’ taħlita ta’ mużika, stejjer u emozzjonijiet li jerġgħu jqarrbu lin-nies lejn il-wirt kulturali ħaj tal-gżejjer Maltin.

Għall-udjenzi Maltin, l-esperjenza tqajjem memorji ta’ laqgħat tal-familja, tradizzjonijiet tar-raħal u kanzunetti li għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra. Għall-viżitaturi barranin, min-naħa l-oħra, toffri opportunità unika biex jiskopru l-veru ruħ ta’ Malta permezz ta’ stejjer, mużika u umoriżmu li ma jinstabux fil-mużewijiet jew fil-gwidi turistiċi.
Ir-rispons tal-ewwel udjenzi kien pożittiv ħafna, b’ħafna jiddeskrivu l-esperjenza bħala waħda "emozzjonanti", "awtentika", "mimli sorpriżi" u saħansitra bħala wieħed mill-isbaħ mumenti taż-żjara tagħhom f’Malta. Ħafna faħħru wkoll l-atmosfera intima u r-rabta ġenwina li tinħoloq bejn il-performers u l-udjenza, u li tagħmel kull wirja ċelebrazzjoni tal-identità Maltija.

L-organizzaturi spjegaw li Folk Underground inħoloq biex jippreserva u jiċċelebra l-wirt kulturali intanġibbli ta’ Malta b’mod li jolqot lill-udjenzi tal-lum."Kemm jekk int Malti li trid terġa’ tiskopri l-għeruq tiegħek, jew viżitatur li qed ifittex esperjenza tassew awtentika, l-għan tagħna hu li kull persuna titlaq b’konnessjoni aktar profonda ma’ Malta u mal-poplu tagħha," qalu.
Hekk kif dejjem aktar vjaġġaturi qed ifittxu esperjenzi kulturali awtentiċi u sinifikanti, Folk Underground qed jissaħħaħ bħala attrazzjoni li wieħed m’għandux jitlef, u jfakkar li l-isbaħ stejjer ta’ Malta ma jinsabux biss fil-monumenti tagħha, iżda wkoll fil-mużika, fit-tradizzjonijiet u fin-nies li jkomplu jżommuhom ħajjin.

Folk Underground huwa organizzat bl-appoġġ ta’ MeDirect Bank, Visit Malta u l-Magna Zmien Foundation.