L-Istilla Ta’ Ted Lasso Cristo Fernández Wettaq Il-Ħolma Tiegħu U Ddebutta Fil-Futbol Professjonali

Il-famuż attur Messikan Cristo Fernández, magħruf mad-dinja kollha għar-rwol ta’ Dani Rojas fis-serje popolari Ted Lasso, issa jista’ jgħid li l-frażi emblematika tal-karattru tiegħu, "Football is life!", saret realtà anke fil-ħajja vera.

Fernández għamel id-debutt professjonali tiegħu ma’ El Paso Locomotive FC fil-United Soccer League (USL) Championship, wara li daħal bħala sostitut fit-tieni taqsima tal-logħba kontra New Mexico United. Għalkemm it-tim tiegħu tilef 2-0, id-debutt kien mument emozzjonanti li mmarka t-twettiq ta’ ħolma li ilha takkumpanjah sa minn tfulitu.

Qabel ma sar attur, Fernández kien jilgħab fil-livell taż-żgħażagħ fil-Messiku u kellu ambizzjoni ċara li jsir futboler professjonali. Madankollu, injury serja fl-irkoppa waqqfet il-karriera sportiva tiegħu, u wasslitu biex idur lejn id-dinja tar-reċtar. Ironikament, proprju permezz ta’ Ted Lasso reġa’ sab rabta qawwija mal-futbol.

Aktar kmieni din is-sena, Fernández beda jsegwi mill-ġdid il-ħolma tiegħu billi għamel provi ma’ diversi timijiet fl-Istati Uniti. Wara perjodu ta’ prova ma’ El Paso Locomotive, il-klabb offrielu kuntratt professjonali, u issa wasal ukoll il-mument tant mistenni tad-debutt uffiċjali tiegħu.

L-istorja tiegħu qed tiġbed l-attenzjoni ta’ eluf ta’ partitarji madwar id-dinja, hekk kif il-ħajja donnha imitata l-arti. Għal ħafna segwaċi ta’ Ted Lasso, li jaraw lill-attur li interpreta lil Dani Rojas jidħol verament f’logħba professjonali huwa mument li jidher kważi miktub apposta għat-televiżjoni.

U kif kien jgħid Dani Rojas stess, "Football is life!" Din id-darba, aktar minn qatt qabel, kienet tassew il-verità.

Ritratti:

Facebook / Cristo Fernández

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI