Malta qed tagħmel pass ieħor importanti lejn futur aktar diġitali hekk kif inħarġet is-sejħa għall-offerti għall-iżvilupp tal-European Digital Identity (EUDI) Wallet, sistema li fil-futur se tippermetti li diversi dokumenti uffiċjali jinġarru b'mod sigur fuq il-mobile.
Il-proġett qed jitmexxa mill-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta' Malta (MDIA) bħala parti mill-implimentazzjoni tal-European Digital Identity Framework tal-Unjoni Ewropea.
L-EUDI Wallet se joffri lill-Maltin u r-residenti mod aktar sempliċi u sigur biex jidentifikaw ruħhom kemm online kif ukoll personalment. Barra minn hekk, se jkun jista' jintuża biex jiġi vverifikat li persuna għandha l-età meħtieġa għal ċerti servizzi, jinħażnu dokumenti importanti bħall-liċenzja tas-sewqan u jiġu ffirmati dokumenti b'mod elettroniku.
Waħda mill-akbar vantaġġi ta' din is-sistema hija li se tkun rikonoxxuta mhux biss f'Malta iżda wkoll fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, u tagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini jużaw is-servizzi diġitali meta jkunu qed jivvjaġġaw jew jagħmlu tranżazzjonijiet barra minn Malta.
L-MDIA se tkun responsabbli mill-iżvilupp tas-soluzzjoni u mis-sistemi kollha meħtieġa biex din taħdem b'mod sigur u tkun kompatibbli ma' dawk tal-pajjiżi Ewropej l-oħra.
Il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, qal li din l-inizjattiva turi l-impenn tal-Gvern biex ikompli jinvesti f'teknoloġiji innovattivi li jagħmlu l-ħajja ta' kuljum aktar faċli u jkomplu jsaħħu l-pożizzjoni ta' Malta bħala pajjiż minn ta' quddiem fit-trasformazzjoni diġitali.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA, Kenneth Brincat, sostna li dan il-proġett se jwassal għal servizzi aktar siguri, affidabbli u mfassla skont il-ħtiġijiet taċ-ċittadini.
Is-sejħa għall-offerti hija miftuħa permezz tas-sistema ePPS sal-Ħamis 3 ta' Settembru, bil-partijiet interessati mistiedna jissottomettu l-proposti tagħhom sa dik id-data.