Il-paġna Kattoliċi Maltin qasmet messaġġ ta' tifħir għas-Sorijiet Agostinjani Qaddejja ta' Ġesù u Marija, li ċċelebraw għeluq it-80 sena ta' Sr. Francis filwaqt li rringrazzjaw lil Alla għall-ħajja u l-vokazzjoni missjunarja tagħha.
Sr. Francis intbagħtet il-Brażil fl-1975, sentejn biss wara li l-Kongregazzjoni fetħet il-missjoni tagħha f'dak il-pajjiż, u minn dak iż-żmien iddedikat aktar minn 50 sena ta' servizz lill-komunitajiet li ħadmet magħhom.
Illum tgħix f'Paranaíba, fejn tkompli tagħti s-sehem tagħha fil-formazzjoni tas-sorijiet żgħażagħ u permezz taċ-Ċentru Filantropiku Irmã Emiliana kif ukoll fi skola għat-tfal.
Skont il-Kongregazzjoni, Sr Francis hija l-aħħar missjunarja Maltija fil-Brażil u hija meqjusa bħala "xhieda ħajja tal-frott tal-missjoni", li llum qed titkompla minn numru ta' sorijiet Brażiljani li ħaddnu l-kariżma tagħha.
Waqt żjara qasira f'Malta, is-Sorijiet offrew talba ta' ringrazzjament għal ħajjitha, għall-fedeltà tagħha lejn il-vokazzjoni missjunarja u għax-xhieda ġeneruża li tat tul is-snin, filwaqt li appellaw biex jitkompla t-talb għaliha u għal aktar vokazzjonijiet reliġjużi.