“Ryan Kien Persuna Mimlija Umiltà U Enerġija” – Il-Prim Ministru Jsellem Il-Memorja Ta’ Ryan Spiteri

Il-Prim Ministru Robert Abela sellem il-memorja ta’ Ryan Spiteri u tal-vittma l-oħra li tilfu ħajjithom fl-inċident traġiku li seħħ ilbieraħ filgħaxija, filwaqt li esprima s-solidarjetà tiegħu mal-familji u dawk kollha milquta minn din it-telfa. F’messaġġ emozzjonanti, il-Prim Ministru qal li Ryan ma kienx biss DJ li permezz tal-mużika tiegħu ġab il-ferħ lil ħafna nies, iżda wkoll persuna li kellu l-opportunità jiltaqa’ magħha diversi drabi.

"Ryan ma kienx biss DJ li permezz tal-mużika tiegħu ġab ferħ lil ħafna nies, iżda kien ukoll persuna li kelli ċ-ċans nitkellem miegħu f’diversi okkażjonijiet, flimkien ma’ Giorgia u Lydia. Fih stajt nara persuna mimlija umiltà u enerġija," qal il-Prim Ministru. Huwa kompla billi esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-familja, lill-qraba u lill-ħbieb ta’ Ryan, kif ukoll lil dawk kollha li kellhom iċ-ċans isiru jafuh.

"F’dan il-mument ta’ niket, ħsibijieti huma mal-familja tiegħu, mal-qraba, mal-ħbieb u ma’ dawk kollha li kienu jafuh u ħabbewh." Il-Prim Ministru uża wkoll l-okkażjoni biex jagħmel appell favur aktar responsabbiltà fil-mod kif jintuża l-kliem, b’mod partikolari fuq il-midja soċjali.

Ritratt: Facebook / Ryan Spiteri

"Din it-traġedja għandha tfakkarna wkoll fir-responsabbiltà li lkoll għandna fl-użu ta’ kliemna, b’mod speċjali fuq il-midja soċjali. Qabel kull tip ta’ spekulazzjoni, irridu naħsbu fl-impatt li kliemna jista’ jkollu fuq il-familji li jkunu għaddejjin mill-aktar mumenti diffiċli."

Huwa temm il-messaġġ tiegħu b’appell biex f’mumenti ta’ niket bħal dawn jipprevalu r-rispett u l-umanità. "F’mumenti bħal dawn, il-verità, ir-rispett u s-sens ta’ umanità għandhom dejjem jiġu qabel kull ħaġa oħra."

Ritratti:

Facebook / Robert Abela

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI