Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici tenna l-impenn ta' Malta favur akkomodazzjoni affordabbli u żvilupp urban sostenibbli waqt il-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.
Fl-indirizz tiegħu, Bonnici qal li l-akkomodazzjoni hija pedament għad-dinjità, il-benesseri u l-koeżjoni soċjali, filwaqt li enfasizza li Malta, bħala wieħed mill-aktar pajjiżi b'densità għolja ta' popolazzjoni fl-Ewropa, trid tkompli tippjana b'mod sostenibbli għall-futur.
Huwa spjega li l-Gvern qed ikompli jinvesti permezz tal-Awtorità tad-Djar b'aktar akkomodazzjoni soċjali, skemi ta' assistenza għall-kera, għajnuna lil min qed jixtri l-ewwel dar u appoġġ għal familji vulnerabbli. Semma wkoll l-inizjattiva Id-Dar t'Għada u l-viżjoni Malta Vision 2050, li għandhom l-għan li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-akkomodazzjoni fit-tul.

Fi tmiem l-indirizz tiegħu, Bonnici appella għal aktar kooperazzjoni internazzjonali u sostna li "l-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata huwa pedament għad-dinjità, l-opportunità, il-benesseri u r-reżiljenza," filwaqt li tenna li Malta se tkompli taħdem favur komunitajiet aktar inklużivi u sostenibbli.
Facebook / Owen Bonnici