Għal darb’ oħra, problema li tippersisti fis-sajf hija l-qtugħ ta’ dawl għal ammont twil ta’ ħin f’pajjiżna, fejn bosta min-nies qed jerġgħu jgħixu f’biża’ u ansjeta li minn ħin għall-ieħor jistgħu jispiċċaw bla dawl. F’pajjiż bħal Malta, u f’kundizzjonijiet estremi ta’ temp li saħansittra ser jaqbżu l-40 grad il-ġimgħa d-dieħla, din il-problema tista’ tkun waħda fatali. Sfortunatament mhix qed tiġi indirizzata kif għandha tkun, hekk kif din ilha tiġri madwar 4 snin u s-sitwazzjoni baqgħet staġnata.
Is-sit ta’ Enemalta żżomm aġġornata bi qtugħ pjanat f’xi lokalitajiet, iżda sfortunatament qas din ma qed tiġi aġġornata kif suppost. Waħda mil-lokalitajiet li esperjenzat qtugħ ta’ dawl illum 17 ta’ Lulju kienet proprju l-Imsida, u ma kinitx imniżżla fis-sit.
Għal għada 18 ta’ Lulju, huma biss 3 lokalitajiet li huma fil-pjan li tinqatalhom il-provista tad-dawl u dawn huma partijiet mis-Siġġiewi, mill-Mellieħa u mix-Xagħra.
Skont is-sit Malti Times of Malta, llum ġie rrappurtat qtugħ fil-provista tad-dawl fil-Mellieħa, Manikata, Mġarr, Qawra, Rabat, San Ġiljan, Sliema, Swieqi, u Qormi.