Il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni bdew jaħdmu mis-sigħat bikrin ta' dalgħodu biex inaddfu l-Fosos tal-Floriana u ż-żoni tal-madwar wara l-avveniment Isle of MTV.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, li qalet li matul l-operazzjoni nġabru madwar seba' tunnellati ta' skart miż-żona li laqgħet eluf ta' persuni għall-kunċert.
Il-Ministru spjegat li flimkien mas-Segretarju Permanenti Emil Vassallo żaret lill-ħaddiema sabiex tirringrazzjahom personalment għad-dedikazzjoni u l-ħidma tagħhom. Bħala sinjal ta' apprezzament, huma taw lill-ħaddiema xi ħaġa friska waqt li kienu qed iwettqu x-xogħol tagħhom fis-sħana tas-sajf.
Il-Ministru faħħret l-impenn tal-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, li kull sena jaħdmu biex il-postijiet pubbliċi jerġgħu jinġiebu fl-aħjar stat possibbli wara avvenimenti kbar li jiġbdu eluf ta' nies.