L-MP Ivan Castillo għażel li jħares lejn is-sitwazzjoni li għaddejja bħalissa f’Malta, fejn diversi lokalitajiet sfaw bla dawl għal diversi sigħat, minn lenti differenti. Għażel li jirringrazzja lill-ħaddiema.
Kiteb, “Wara li kull dar li terġa’ tixgħel hemm ħaddiem li ilu sigħat jiġġieled kontra s-sħana, l-għeja u l-ħin. Ftit jaraw lill-cable jointer mgħawweġ ġo trinka għal sigħat twal, jaħdem b’torċa f’idejh f’temperaturi insapportabbli biex isib ħsara moħbija taħt l-art. Ftit jaraw lil-lineman jitla’ fuq arbli jew jidħol f’substations li jisħnu aktar minn 60°C, jiġri minn lokalità għall-oħra biex kemm jista’ jkun nies jerġa’ jkollhom l-elettriku. Ftit jaraw lill-fitters isewwu transformers, switches u faults taħt pressjoni kontinwa, jew lill-inġiniera u l-foremen jikkoordinaw għexieren ta’ interventi fl-istess ħin, dejjem jippruvaw jagħmlu l-aħjar użu minn kull tim disponibbli. U kważi ħadd ma jara lill-operators li jwieġbu telefonata wara oħra mingħand nies li ilhom sigħat, u xi wħud aktar minn ġurnata, mingħajr elettriku. Lanqas ma jara lill-inġiniera fil-Control Room li kull deċiżjoni tagħhom tista’ tfisser li lokalità terġa’ tieħu d-dawl qabel oħra.”
Żied jgħid, “Dawn ma ħolqux din is-sitwazzjoni, dawn hum l-eroj ta’ pajjizna illum. Dawn huma dawk li qed iġorru l-akbar piż tagħha. Għalhekk illum ma rridx nitkellem fuq il-problema. Irrid nitkellem fuq in-nies li qed jagħmlu dak kollu li hu possibbli biex isolvuha.”
Temm kliemu, “Jien naf sew x’jinvolvi dan ix-xogħol. Kont wieħed minnkom… u f’qalbi għadni wieħed minnkom. Grazzi ta’ dak kollu li qed tagħmlu. Malta għandha tkun kburija bikom.”
Facebook / Ivan Castillo