It-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) iddeċieda favur l-appell tal-Parroċċa ta' Kristu Re f'Raħal Ġdid u ordna li l-permess għall-proġett propost jinħareġ fi żmien 30 jum. L-aħbar tħabbret mill-Kunsillier ta' Raħal Ġdid Daniel Lynch, li spjega li d-deċiżjoni tat-Tribunal tagħti l-aċċettazzjoni għall-proġett kif rivedut mill-Parroċċa.
Il-proġett jinkludi l-ħolqien ta' ċentru ta' interpretazzjoni ġewwa ż-żewġ kampnari tal-Bażilika, viewing deck fil-parti ta' fuq tal-binja, kif ukoll kafetterija u ħanut tas-souvenirs fil-livell tat-triq, li se jieħdu post it-tliet garaxxijiet eżistenti. Skont id-deċiżjoni tat-Tribunal, il-kafetterija mistennija ttejjeb id-dehra taż-żona u mhux se taffettwa l-istruttura tal-Bażilika, peress li se tkun mibnija bħala struttura separata.
Il-pjanijiet oriġinali kienu jipproponu li l-kafetterija tinbena fuq il-bejt tal-Bażilika. Madankollu, wara kritika pubblika, il-pjanijiet ġew riveduti u l-kafetterija ġiet rilokata fil-livell tat-triq, kif issa ġie approvat mit-Tribunal.
Facebook / Christ the King Basilica Paola, Malta