Il-Kulleġġ San Albert Il-Kbir sellem u feraħ lill-istudent tiegħu Peter Carabott, li bħalissa qed jagħti servizz bħala abbati fil-Bażilika ta' San Pietru, fil-Vatikan, ġewwa Ruma. Permezz ta' messaġġ fuq il-midja soċjali, il-kulleġġ esprima s-sodisfazzjon u l-kburija tiegħu għal din l-esperjenza speċjali li Peter qed iservi f'wieħed mill-aktar postijiet importanti għall-Knisja Kattolika.
"Nawguraw mill-qalb lill-istudent tal-Kulleġġ tagħna Peter Carabott, li bħalissa qed jagħti servizz bħala Abbati fil-Bażilika ta' San Pietru, fil-Vatikan ġewwa Ruma, nifirħulu u nitolbu għalih," kiteb il-kulleġġ. Li wieħed iservi bħala abbati fil-Bażilika ta' San Pietru huwa meqjus bħala privileġġ u esperjenza unika, hekk kif din il-bażilika hija ċ-ċentru spiritwali tal-Knisja Kattolika u tilqa' fiha eluf ta' pellegrini u viżitaturi minn madwar id-dinja.
Minn naħa tagħna, nawguraw lil Peter Carabott kull ġid u nittamaw li din l-esperjenza tkompli ssaħħaħ il-vokazzjoni u l-impenn tiegħu fis-servizz lejn il-Knisja.
Facebook / St Albert the Great College