Il-preżentatur Joseph Chetcuti illum qed jiċċelebra għeluq it-53 sena tiegħu. Hu twieled fit-28 ta' Lulju 1973, huwa tewmi ma' oħtu Annamarie u trabba l-Fgura. Magħruf bħala preżentatur u vjolinista, Joseph beda jistudja l-vjolin minn meta kellu ħames snin u aktar tard sar l-ewwel Malti li kien membru tal-Mediterranean Youth Orchestra, fejn daqq f'diversi pajjiżi, fosthom Monaco u l-Marokk.
Fuq it-televiżjoni, sar wiċċ familjari permezz ta' programmi popolari bħal Aranissa, Brillanti u Personaġġi. Matul il-karriera tiegħu ppreżenta wkoll Nies ta' Veru, Tiramisu u Fortissimo, filwaqt li għal snin twal kien parti mill-programm Xarabank flimkien ma' Vince Fabri.
Fil-qasam tal-mużika, Joseph ħa sehem ukoll fil-Malta Song for Europe u akkumpanja lil Olivia Lewis fil-Eurovision Song Contest tal-2007 bil-kanzunetta Vertigo. Minn naħa tagħna, nawguraw lil Joseph Chetcuti għeluq snin mill-isbaħ, mimli saħħa, ferħ u aktar suċċessi fil-karriera u fil-ħajja personali tiegħu.
Facebook / Joseph Chetcuti