Każ ieħor ta’ kelba li nstabet f’kundizzjoni xejn sabiħa qajjem rabja u dieqa fost il-voluntiera tal-Association for Abandoned Animals (AAA).
Gail, ġeru li għad għandha inqas minn sena, instabet tiġri fit-toroq b’ġilda serjament infettata u f’xi partijiet anke tnixxi d-demm. Skont l-AAA, kważi m’hemm l-ebda parti minn ġisimha fejn il-ġilda ma ġietx affettwata.
Wara li nġabret mill-Animal Welfare, Gail ittieħdet għand l-AAA, fejn issa tinsab f’post sigur u diġà bdiet tirċievi t-trattament meħtieġ għall-kundizzjoni tagħha. Il-voluntiera esprimew kemm jinsabu mnikktin u rrabjati b’każijiet bħal dawn, filwaqt li tawha merħba u wegħduha li issa se tkun imdawra bil-kura u l-imħabba li jistħoqqilha.
“No one will hurt you baby girl,” kitbu huma f’messaġġ emozzjonanti ddedikat lil Gail. L-AAA qalet li se tkompli taġġorna lill-pubbliku dwar il-fejqan tagħha fil-jiem li ġejjin.
Fb/ AAA