Il-marka Maltija Talpè kisbet suċċess internazzjonali ieħor wara li ġiet rikonoxxuta fil-Great Taste Awards fir-Renju Unit, wieħed mill-aktar premjijiet prestiġjużi fid-dinja tal-ikel u x-xorb.
L-akbar unur mar għall-Chilli Marmalade, li rebaħ it-tliet stilel, l-ogħla rikonoxximent mogħti f'dawn il-premjijiet. Intant, il-Carob Syrup ingħata żewġ stilel, filwaqt li l-Chilli & Pear kiseb stilla waħda.
F'messaġġ mimli emozzjoni, it-tim ta' Talpè qal li dawn il-premjijiet huma frott ta' snin ta' passjoni, dedikazzjoni u mħabba li jitferrgħu f'kull vażett li jipproduċu. Żiedu li dan ir-rikonoxximent ma jfissirx biss suċċess għal prodott wieħed, iżda jikkonferma l-konsistenza, il-kwalità u t-togħmiet uniċi li jiddistingwu lil Talpè.
"L-aktar minn kollox, dawn il-premjijiet jirrikonoxxu mhux biss prodott wieħed, iżda l-konsistenza, il-kwalità u t-togħmiet uniċi li jiddefinixxu lil Talpe'," kitbu.
Huma rringrazzjaw ukoll lil dawk kollha li appoġġjawhom tul dan il-vjaġġ. Filwaqt li jiċċelebraw dan is-suċċess internazzjonali, Talpe' temmew il-messaġġ tagħhom b'nota ta' ottimiżmu: "Dan huwa biss il-bidu."
Facebook / Talpe