L-Uffiċjal Tas-SIU Johann Vella Li Kien Fil-Periklu Tal-Mewt Jirringrazzja Lil Dawk Li Salvawlu Ħajtu

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu, l-uffiċjal tas-SIU Johann Vella li kien jinsab fil-periklu tal-mewt qasam messaġġ ta’ ringrazzjament. Vella kien fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqat minn arma tan-nar f’Ta’ Giorni ftit tal-jiem ilu.

Hu qal, “Nixtieq nibda billi ngħid li għadni hawn, niġġieled u nirkupra kuljum. Dan kollu grazzi għall-għajnuna ta’ ħafna nies. L-ewwelnett, nixtieq nirringrazzja lil ħuti kollha fil-Korp tal-Pulizija li kienu fuq il-post u lil dawk li għenuni wara. Għenuni b'modi li qatt ma nista' nroddilhom lura. Minkejja t-taħriġ li nkunu rċevejna, ħadd minna ma kien tassew ippreparat għal sitwazzjoni bħal dik, lanqas jien. Madankollu, baqgħu sodi u grazzi għalihom wasalt ħaj sal-ambulanza.”

Żied, “It-tieni nett, nixtieq nesprimi l-akbar gratitudni tiegħi lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tal-Emerġenza, lill-istaff tal-ITU u lill-istaff kollu tas-sala fejn qed nirċievi l-kura bħalissa. Mingħajr id-dedikazzjoni u l-ħidma tagħhom, nemmen li ma kontx inkun hawn illum. Ma nistax insemmi lil kulħadd b'ismu, għax hemm ħafna u ma nixtieqx inħalli lil ħadd barra.”

Qal, “Nixtieq ukoll nirringrazzja lid-dinjitarji kollha li għamlu minn kollox biex jgħinu lili u lill-familja tiegħi. Fosthom hemm il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Prim Ministru, il-President ta' Malta, il-Kap tal-Oppożizzjoni, imħallfin, maġistrati u ħafna oħrajn. Grazzi mill-qalb ta' dak kollu li għamiltu għalina. Ringrazzjament minn qalbi ukoll lilkom, il-ħbieb kollha tiegħi, li f'din il-ġimgħa bgħattuli l-awguri tagħkom u tlabtu għalija.”

Temm billi qal, “Fl-aħħar, iżda żgur mhux l-inqas, nixtieq nirringrazzja lill-familja tiegħi għall-appoġġ u l-imħabba li tawni tul dan kollu. Fuq kollox, lill-mara tiegħi u lil uliedi. Huma dejjem kienu, għadhom u dejjem se jibqgħu r-raġuni għaliex nieħu n-nifs kuljum. Inħobbkom ilkoll.”

Wara l-messaġġ qal ukoll, “Dan il-messaġġ huwa għal dawk kollha li bgħattuli l-awguri u li tlabtu għalija. Ovvjament, bħalissa ma nistax nagħti kummenti jew informazzjoni dwar il-każ kriminali li għadu għaddej, iżda għandi fiduċja sħiħa fis-sistema ġudizzjarja ta' pajjiżna.”

Nawgurawlek fejqan ta’ malajr!

Ritratti:

Charlot Azzopardi

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI