Property Malta Tħares Lejn Il-Futur B’Investiment Fid-Dejta U D-Diġitalizzazzjoni

Property Malta laqgħet lill-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Dr Jonathan Attard għal-laqgħa ġenerali annwali fejn filwaqt li ngħata rendikont tal-ħidma li twettqet fl-aħħar xhur, żvolġiet diskussjoni dwar it-triq ’il quddiem.

Iċ-Chairperson tal-fondazzjoni s-Sur Sandro Chetcuti qal li kien ta’ pjaċir għall-fondazzjoni li tilqa’ lill-Ministru responsabbli minn dan is-settur.

Huwa nnota kif fiż-żmien li ġej il-fondazzjoni se tkun qiegħda tiċċelebra l-10 anniversarju mit-twaqqif u filwaqt li rrimarka dwar il-kisbiet varji tagħha, tenna l-impenn li tkompli tinvesti.

“Nemmnu li b’aktar investiment fid-dejta u d-diġitalizzazzjoni Property Malta tista’ sservi ta’ pjattaforma biex anke tgħin liċ-ċittadini meta jagħmlu sejħa għal assistenza f’dik li tista’ tkun waħda mill-iktar deċiżjonijiet importanti f’ħajjithom, proprju investiment fi proprjetà”, qal Chetcuti.

Property Malta tħares ’il quddiem biex tkompli tippromwovi lil pajjiżna bħala destinazzjoni ta’ investiment. Il-Fondazzjoni hija konxja mill-isfidi li qed jiffaċċja s-settur u determinata li tkompli tressaq proposti konkreti. Fost is-suġġetti li se jibqgħu fuq l-aġenda hemm l-esplorazzjoni ta' investimenti u żviluppi ġodda tal-ogħla kwalità, biex pajjiżna jkompli jibni fuq proġetti riċenti ta' suċċess.

Is-Segretarju Alfred Camilleri mexxa preżentazzjoni dwar il-ħidma fl-aħħar xhur fejn fost il-varji impenji tal-fondazzjoni fakkar dwar il-frott tad-diskussjoni fiż-żjara tal-akbar delegazzjoni Maltija barra minn xtutna b’aktar minn 80 persuna fiċ-Ċina u t-twaqqif tal-Property Price Registry.

Din hi pjattaforma online tipprovdi dejta dwar il-prezzijiet ikkuntrattati tal-proprjetà residenzjali. Is-servizz hu bbażat fuq atti notarili rreġistrati mill-2018 ’il quddiem, b’aġġornamenti kull sitt xhur. Filwaqt li l-professjonisti jistgħu jabbonaw għas-servizz, iċ-ċittadini jistgħu jaċċessaw bla ħlas għal informazzjoni speċifika dwar proprjetà. Infatti Camilleri spjega li fl-ewwel ġimgħat mit-tnedija kien hemm aktar minn 120 talba ta’ dan it-tip.

 Il-Ministru Attard innota dwar sena sinifikanti ħafna fil-ħidma tal-fondazzjoni mhux biss fir-rwol ta' promozzjoni ta' pajjiżna bħala destinazzjoni għall-investiment imma wkoll l-irwol proattiv li ħadu li jinħoloq property price registry.

“Dan is-servizz ċertament qed ikompli jsaħħaħ it-trasparenza u l-kontabilità fis-settur u nħares ’il quddiem biex din l-inizjattiva bejn il-gvern u l-privat tkompli tissaħħaħ u jkollha rwol aktar ċentrali fis-settur fiż-żmien li ġej”, qal Dr Attard.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI