Meta eluf ta' persuni jinġabru biex igawdu spettaklu ta' livell għoli, bħall-kunċert ta' Pitbull ilbieraħ, ħafna drabi l-attenzjoni tkun fuq il-palk, il-mużika u l-atmosfera. Iżda wara kull avveniment li jgħaddi mingħajr inċidenti hemm nies dedikati li jaħdmu fis-skiet biex jiżguraw is-sigurtà ta' kulħadd.
Dan kien il-messaġġ li qasmet il-paġna tal-Protezzjoni Ċivili ta' Malta, fejn spjegat li matul il-kunċert baqgħet lesta tul is-serata kollha, lesta biex tintervjeni minnufih f'każ ta' bżonn.
"Waqt li l-mużika kienet qed iddoqq, aħna konna lesti," kitbu l-Protezzjoni Ċivili, filwaqt li enfasizzaw li l-irwol tagħha ma kienx li tkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni, iżda li tkun dejjem ippreparata biex twieġeb għal kwalunkwe emerġenza, tipproteġi l-ħajjiet u tappoġġja lis-servizzi l-oħra tal-emerġenza.
Il-Protezzjoni Ċivili rrimarkat ukoll li wara kull avveniment ta' suċċess hemm xogħol estensiv ta' ppjanar u l-impenn ta' bosta professjonisti li ħafna drabi ma jidhirx, iżda li huma essenzjali biex kulħadd ikun jista' jgawdi b'moħħu mistrieħ.
Fl-istess messaġġ, irringrazzjaw lill-organizzaturi tal-avveniment, lis-servizzi tal-emerġenza kollha, lill-persunal tas-sigurtà u lil dawk kollha li ħadmu minn wara l-kwinti biex il-kunċert ikun wieħed sigur u organizzat.
"Dejjem lesti. Dejjem hemm," jagħlqu l-messaġġ il-Protezzjoni Ċivili.