Waħda mill-mudelli bit-titlu Miss Malta Teen, Francesca Sireci, qasmet messaġġ sinċier dwar l-esperjenzi personali tagħha ta' esklużjoni u solitudni, filwaqt li appellat biex il-bniet u n-nisa jagħżlu l-qalb tajba minflok il-mibegħda.
Francesca stqarret li minn meta kienet tifla żgħira kienet taf xi jfisser tħossok imwarrba u barra mill-grupp. Irrakkontat kif ħafna drabi rat lil oħrajn isibu posthom filwaqt li hi baqgħet tistaqsi għaliex qatt ma sabet tagħha.
"Naf x'jiġifieri tħossok imwarrba. Naf x'inhi s-solitudni li qatt ma tkun mistiedna u li tibda tiddubita mill-valur tiegħek minħabba kif jittrattawk nies oħra," kitbet.
Francesca enfasizzat li s-suċċess jew is-sbuħija ta' persuna oħra qatt ma jnaqqsu minn dawk ta' ħaddieħor.
"Is-sbuħija ta' tfajla oħra qatt mhi se tnaqqas minn tiegħek. Li tappoġġja lil tfajla oħra ma jagħmlekx inqas sabiħa, inqas importanti jew inqas ta' suċċess. Sempliċement tagħmlek persuna aħjar," sostniet.
Permezz tal-pjattaforma tagħha, hija qalet li trid tuża leħinha biex tfakkar li m'hemmx għalfejn inwaqqgħu lil xulxin biex inħossuna tajjeb. Skontha, ġest żgħir bħal tbissima, kelma sabiħa jew li tinkludi lil xi ħadd jista' jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta' persuna.
Hija rrikonoxxiet ukoll l-influwenza tal-midja soċjali fuq il-mod kif nikkomunikaw, iżda sostniet li din qatt m'għandha tieħu post il-kompassjoni u s-sens ta' ħbiberija.
Fl-aħħar tal-messaġġ tagħha, Francesca indirizzat lil dawk kollha li forsi ġieli ħassewhom inviżibbli, u fakkrithom li mhumiex waħedhom għax hi stess għaddiet mill-istess esperjenzi.
L-appell tagħha kien wieħed ċar: "Ejja nkunu l-ġenerazzjoni li tgħolli lil xulxin flok twaqqa' lil xulxin. Għax kull tifla u kull mara jistħoqqilha tħoss li tappartjeni," temmet tgħid.
Prosit kbira Francesca!
Facebook/ Sireci Sireci