“Dan Il-Premju Mhuwiex Sinifikanti Biss Għal Immanuel Innifsu, Iżda Wkoll Għal-Lingwa Maltija” – Malcolm Paul Agius Galea

Il-kittieb u akkademiku Malti Immanuel Mifsud kiseb unur prestiġjuż fuq livell internazzjonali wara li ngħata l-Midalja Ewropea tal-Poeżija u l-Arti Homer 2026, bħala rikonoxximent għall-karriera letterarja twila tiegħu u għall-kontribut siewi li ta lil-letteratura Maltija.

Dwar din l-aħbar tkellem ukoll Malcolm Paul Agius, li saħaq, li ħafna drabi ma napprezzawx biżżejjed kemm il-letteratura Maltija kapaċi tasal lil hinn minn xtutna u tagħmel isem lil pajjiżna madwar id-dinja.

Huwa spjega, li dan il-premju mhuwiex biss suċċess personali għal Immanuel Mifsud, iżda huwa kisba importanti għal-lingwa Maltija u għal-letteratura nazzjonali kollha. Skont Agius, dan ir-rikonoxximent internazzjonali juri biċ-ċar li l-kitba bil-Malti tista’ taqsam il-fruntieri u tilħaq qarrejja u istituzzjonijiet lil hinn minn Malta.

Il-kisba ta’ Mifsud hija meqjusa bħala konferma tal-kwalità tal-letteratura Maltija u tal-valur tagħha fix-xena kulturali Ewropea. Għal ħafna, hija wkoll motivazzjoni biex aktar kittieba Maltin ikomplu jiktbu u jippromwovu xogħolhom fuq livell internazzjonali.

Il-premju jfakkar li l-letteratura mhijiex limitata mid-daqs ta’ pajjiż jew mil-lingwa li biha tinkiteb, iżda mill-qawwa tal-messaġġ tagħha. Ir-rikonoxximent miksub minn Immanuel Mifsud jikkonferma li l-kultura u l-identità Maltija jistgħu jkomplu jħallu impatt barra minn xtutna, filwaqt li jagħmlu ġieħ lill-lingwa Maltija u lil dawk kollha li jaħdmu biex iżommuha ħajja permezz tal-kitba u l-arti.

Ritratti:

Facebook/Malcolm Paul Agius Galea

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI