Franco Debono tkellem dwar ir-rispett u l-valur li s-soċjetà tagħti lill-professjoni medika, wara li fl-aħħar jiem ressaq proposta li, skontu, tista’ tkun waħda mis-soluzzjonijiet għal problemi fis-settur tas-saħħa.
Debono qal li lbieraħ tkellem ma’ ħames jew sitt tobba prominenti f’diversi oqsma, fosthom speċjalisti u tobba tal-familja, u sostna li kollha jqisu l-proposta tiegħu bħala waħda valida li timmerita attenzjoni. Żied jgħid li anke r-rispons li rċieva mingħand il-pubbliku kien fil-biċċa l-kbira favur tagħha.
Madankollu, Debono qal li laqtuh kummenti dwar il-ħlas mitlub minn tobba li jmorru jaraw pazjenti fi djarhom. "Kien hemm min gerger li tabib jiġi d-dar imma trid tħallas €40. Onestament ma kontx naf li t-tobba jitħallsu daqshekk ftit," kiteb, filwaqt li staqsa jekk dan hux sintomu ta’ nuqqas ta’ rispett lejn il-professjonisti.
"Qed nifhem sew li fis-soċjetà n-nies lesti jħallsu lil plumber, lil hairdresser, lil electrician u lin-nail technician iktar milli lesti jħallsu tabib, anke li jiġi għandhom id-dar?" staqsa Debono.
Huwa saħaq li kull xogħol għandu l-importanza u r-responsabbiltà tiegħu, iżda sostna li jekk hemm valur uman li għandu jiġi qabel kollox, dan huwa s-saħħa.
"Tabib ifejqek u jsalvalek ħajtek. L-aħwa, ejjew nibdew billi nuru rispett xieraq lejn it-tobba u l-professjoni medika," temm jgħid Debono.
Facebook / Franco Debono