Deli And Co ħarġet stqarrija pubblika wara li wieħed mill-impjegati tagħha ġie djanjostikat bil-Hepatitis A, fejn saħqet li la l-kumpanija u lanqas l-impjegat innifsu ma kienu jafu li kien infettat jew li seta’ jittrażmetti l-virus. Il-kumpanija spjegat li qabel id-dijanjosi, l-uniku sinjal li seta’ kien hemm kien l-għeja. Hija sostniet li dan waħdu ma kienx biżżejjed biex iqajjem suspett, partikolarment fil-każ ta’ persuna li taħdem ħafna, għandha familja u żewġ impjiegi.
"Sal-ġurnata li wieħed mill-impjegati tagħna ġie djanjostikat bil-Hepatitis A, ħadd - inkluż l-impjegat innifsu - ma kien jaf li kien infettat jew infettiv," spjegat Deli And Co. Skont il-kumpanija, malli saret taf bid-dijanjosi, ittieħdu passi immedjati u ġew organizzati testijiet tad-demm għall-membri tat-tim. Meta mbagħad sar kuntatt mill-awtoritajiet tas-saħħa, Deli And Co tgħid li segwiet il-gwida tagħhom tul il-proċess kollu.
“Fl-ebda mument ma ħallejna, konxjament, impjegat infettiv jipprepara jew jimmaniġġja l-ikel. Kieku konna nafu, konna naġixxu immedjatament — kif fil-fatt għamilna meta sirna nafu,” kompliet tgħid.
Deli And Co appellat ukoll biex dawk li sussegwentement irriżultaw pożittivi għall-Hepatitis A jiġu trattati b’rispett, kompassjoni u privatezza. Il-kumpanija saħqet li dawn il-persuni wkoll setgħu ma kinux konxji li kienu infettivi qabel ma rċevew id-dijanjosi tagħhom. Il-kumpanija ddeskriviet l-aħħar jiem bħala diffiċli ħafna. Madankollu, qalet li flimkien mal-kritika, irċeviet ukoll għadd kbir ta’ messaġġi ta’ appoġġ u persuni li offrew l-għajnuna tagħhom.
Deli And Co ċċarat ukoll li fl-ebda stadju ma ngħatat struzzjonijiet jew intalbet mill-awtoritajiet biex tagħlaq. Madankollu, issa se tieħu l-btala qasira tas-sajf li kienet diġà ppjanata, u mistennija jerġgħu jiftħu nhar it-Tnejn, 17 ta’ Awwissu. "Ninsabu magħqudin mat-tim tagħna, id f’id, u nirringrazzjaw lil kull min qed ikompli jagħtina l-appoġġ tiegħu," temmu jgħidu Deli And Co.
Facebook / Deli