Animal Welfare Gozo qed tfittex familja ġdida għal Papaya, ġeru ta’ madwar tliet xhur li dalgħodu ngħatat f’idejn l-għaqda wara li oriġinarjament kienet inxtrat għal raġel anzjan. L-għaqda spjegat li r-raġel sabha diffiċli biex jieħu ħsieb ġeru li mistenni jikber f’kelb ta’ razza kbira. Filwaqt li saħqet li m’hemm xejn ħażin li persuni anzjani jkollhom ġriewi, Animal Welfare Gozo appellat biex dejjem ikun hemm pjan għal min se jieħu ħsieb il-kelb jekk is-sid ma jibqax f’pożizzjoni li jagħmel dan.
"Nitolbu li jkun hemm aktar ħsieb u riċerka qabel wieħed jieħu kelb. Ftakru li kelb huwa membru tal-familja u għandu jibqa’ magħkom għal ħajtu kollha," sostniet l-għaqda. Papaya hija taħlita bejn Boxer u Labrador u għandha madwar tliet xhur. Minħabba li mistennija tikber f’kelba ta’ daqs kbir, se jkollha bżonn eżerċizzju ta’ kuljum, stimulazzjoni mentali u spazju adegwat fuq barra.
Animal Welfare Gozo spjegat li Papaya issa għandha l-microchip u bdiet tingħata t-tilqim meħtieġ. Meta tilħaq l-età xierqa, ikun meħtieġ ukoll li tiġi sterilizzata. L-għaqda fakkret li t-taħriġ ta’ ġeru jirrikjedi ħafna paċenzja u għalhekk appellat biex dawk interessati fl-adozzjoni jkunu ċerti li jistgħu jagħtuha l-ħin, l-attenzjoni u l-impenn li teħtieġ.
"Jekk jogħġobkom kunu ċerti qabel tikkuntattjawna. Ma nistgħux nerġgħu niddiżappuntawha," appellat Animal Welfare Gozo. Papaya qed tingħata għall-adozzjoni mingħajr ħlas u mhijiex għall-bejgħ. Dawk li jistgħu joffrulha dar permanenti u responsabbli huma mitluba jikkuntattjaw lil Animal Welfare Gozo permezz ta’ messaġġ privat għal aktar informazzjoni.
Facebook / Gozo Animal Welfare