Appell Għall-Għajnuna Biex Antoine Degiorgio Jkompli Bil-Vjaġġ Tiegħu Lejn L-Irkupru

Antoine Degiorgio qed jagħmel appell għall-għajnuna tal-pubbliku sabiex ikun jista’ jkompli jirċievi l-kura u r-riabilitazzjoni li għandu bżonn wara li f’Marzu li għadda sofra attakk tal-qalb gravi li kkawżalu ħsara fil-moħħ u biddel ħajtu f’daqqa.

Minkejja dak kollu li għadda minnu, Antoine baqa’ jiġġieled. Matul dawn l-aħħar xhur huwa għamel progress sinifikanti, pass wara pass, u dawk qrib tiegħu għadhom mimlijin tama dwar dak li jista’ jikseb permezz tal-kura u l-appoġġ adegwat.

Fl-appell, intqal li s-servizzi mediċi li bħalissa Antoine jista’ jirċievi fl-isptar m’għadhomx jistgħu jipprovdulu l-livell kontinwu ta’ riabilitazzjoni konjittiva u appoġġ speċjalizzat li jeħtieġ. Għaldaqstant, qed jinġabru fondi biex Antoine jkun jista’ joħroġ mill-isptar u jgħix f’ambjent sigur u adattat fejn ikompli jirċievi l-kura meħtieġa kuljum.

Il-fondi mistennija jgħinu biex jiġu koperti carers li jgħixu miegħu u jassistuh il-ħin kollu, riabilitazzjoni u terapija konjittiva speċjalizzata, riabilitazzjoni fiżika u newroloġika kontinwa, ambjent domestiku sigur u adattat, kif ukoll kura medika u terapewtika privata.

L-għan huwa li jinġabru biżżejjed fondi biex din il-kura tkun tista’ tingħata għal sena sħiħa, perjodu li jista’ jkun kruċjali fil-vjaġġ ta’ Antoine lejn aktar progress u indipendenza.

"Antoine diġà wriena dak li kapaċi jagħmel. Ma rridux li l-vjaġġ tiegħu jieqaf sempliċement għax l-appoġġ disponibbli għalih spiċċa," jingħad fl-appell.

Dawk li qed imexxu din il-ġabra qed jappellaw lil kull min jista’ biex jagħti l-kontribut tiegħu, żgħir kemm hu żgħir. Min ma jkunx f’pożizzjoni li jagħti donazzjoni jista’ jgħin billi jaqsam l-appell ma’ oħrajn sabiex dan jasal għand kemm jista’ jkun nies.

"Jekk jogħġobkom, għinuna nagħtu lil Antoine ċans ieħor għall-irkupru, ċans ieħor għall-indipendenza u ċans ieħor biex kemm jista’ jkun jerġa’ jsir il-persuna li kien qabel l-attakk tal-qalb," temm jgħid l-appell.

Ritratti:

Facebook / Antoine Degiorgio

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI