Roots Restaurant Se Jagħlaq Il-Bibien Tiegħu Wara Kważi 12-il Sena – Iżda L-Isem Roots Se Jkompli B’Kapitlu Ġdid

Wara kważi 12-il sena ta’ ħidma, Roots Restaurant ħabbru li se jkun qed itemmu l-vjaġġ tiegħu bħala ristorant. L-aħħar jum ta’ servizz se jkun il-Ħadd, 30 ta’ Awwissu 2026.

F’messaġġ emozzjonanti indirizzat lill-klijenti u l-ħbieb tagħhom, dawk wara Roots fissru kif dak li beda bħala ħolma, mibnija bl-imħabba u s-sagrifiċċju tal-ġenituri tagħhom, matul is-snin żviluppa fi vjaġġ mimli esperjenzi, sfidi u sodisfazzjon.

Huma rringrazzjaw lill-ġenituri tagħhom talli emmnu fihom, appoġġjawhom u tawhom l-opportunità li jibnu xi ħaġa tagħhom. Irrikonoxxew ukoll li l-vjaġġ ma kienx wieħed faċli, b’ħafna xogħol, impenn u ljieli twal, iżda fl-istess waqt tahom sodisfazzjon kbir li setgħu jaqdu lill-eluf ta’ klijenti li għaddew mill-bibien tagħhom matul dawn is-snin.

Għat-tim ta’ Roots, ir-ristorant qatt ma kien biss dwar l-ikel. Kien ukoll dwar ir-relazzjoni mal-klijenti, tant li ħafna minnhom, maż-żmien, saru ħbieb. Il-konversazzjonijiet, iċ-ċelebrazzjonijiet u anke l-ikliet kwieti kollha saru parti mill-istorja tal-post.

Fil-messaġġ tagħhom, huma esprimew ukoll gratitudni kbira lejn it-tim kollu li ħadem magħhom matul is-snin. Qalu li x-xogħol, id-dedikazzjoni u l-lealtà tagħhom kienu imprezzabbli, filwaqt li ħafna mill-membri tat-tim saru qishom parti mill-familja.

Madankollu, dan mhux se jkun it-tmiem tal-isem Roots. Fil-fatt, wara l-għeluq tar-ristorant, se jibda kapitlu kompletament ġdid. Roots se jkun qed imur f’post ġdid fejn, minn Ottubru li ġej, se jitnieda kunċett ġdid fil-qasam tar-retail li ilhom jaħdmu fuqu għal diversi snin. Huma spjegaw li ddeċidew li jiddedikaw l-enerġija kollha tagħhom għal dan il-proġett ġdid, bit-tama li l-ħanut il-ġdid ta’ Roots jikseb l-istess suċċess li kiseb ir-ristorant.

Aktar dettalji dwar dan il-kapitlu ġdid mistennija jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin. "Dan mhux addiju, iżda narawkom dalwaqt," temmew jgħidu, filwaqt li rringrazzjaw minn qalbhom lil dawk kollha li kienu parti mill-vjaġġ ta’ Roots tul dawn il-kważi 12-il sena.

Nawguraw lit-tim kollu ta’ Roots kull suċċess għal dan il-kapitlu ġdid!

Ritratti:

Facebook / Roots

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI