“Il-festi nħobbhom – m’hemmx argumenti fuq din.” Hekk saħaq Clifford Galea f’messaġġ dwar l-importanza li l-festi Maltin jibqgħu jiġu apprezzati u msaħħa, iżda b’mod sostenibbli u li jista’ jinżamm tul is-snin.
Galea qal, li hemm bżonn noqogħdu attenti li ma nżidux bla waqfien, għax dan jista’ jwassal biex il-festi jsiru piż li ma jkunx faċli nlaħqu miegħu, kemm f’aspetti finanzjarji, kif ukoll fil-ħidma meħtieġa biex jiġu organizzati.
Huwa rrefera wkoll għall-volontarjat, li qal li “ma għadux bħal qabel”, u għalhekk jeħtieġ li wieħed jaħseb sew dwar kif il-festi jistgħu jkomplu jissaħħu mingħajr ma jinħoloq piż żejjed fuq dawk li jagħtu l-ħin u l-enerġija tagħhom.
“Ma hemm xejn ħażin li tkabbar festa,” spjega Galea, “imma hemm valur iżjed qawwi, li ssebbaħha u ssaħħaħha.” Skontu, huwa dan li jista’ jagħmel differenza vera u jgħin biex il-festi jibqgħu ħajjin u apprezzati mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Galea għadda dan il-messaġġ b’mod ġeneriku għalina lkoll waqt l-iffirmar tad-dikjarazzjoni pubblika uffiċjali bl-isem “Insaħħu l-Vuċi taż-Żgħażagħ Mostin”, organizzata mis-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta fl-okkażjoni ta’ Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ.
Il-kliem tiegħu jservi bħala riflessjoni dwar il-futur tal-festi Maltin u dwar il-ħtieġa li l-entużjażmu, it-tradizzjoni u l-volontarjat, jimxu id f’id ma’ ppjanar responsabbli u sostenibbli.
Facebook/Clifford Galea